Bgħatna proposta permezz ta’ tliet ittri indirizzati lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, flimkien lill-Gvern u l-Oppożizzjoni sabiex din il-Biċċerija li tinsab propju f’żona residenzjali tingħata għal skop ta’ għejxien indipendenti għall-anzjani li għadhom f’kundizzjoni li jgħixu waħedhom, u li jixtiequ jċekknu d-djar kbar tagħhom kif ukoll fejn f’ċerti ċirkustanzi ma jistgħux ikollhom lift installat ġewwa l-binja tagħhom. Dawn l-appartamenti kbar jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal dawk il-koppji Beltin li jixtiequ jibdew jew ikabbru l-familja.
Il-binja magħrufa bħala l-Biċċerija għandha fil-ġenb tagħha żona kbira li tista’ tintuża għall-attivitajiet magħmula apposta għall-anzjani Beltin.
L-istess proposta tagħti sapport ukoll lil dawk li jiddependu jew ikollhom bżonn is-servizzi soċjali li jipprovdi l-Istat; Meals on Wheels, infermiera u carers, tobba, cleaners ... kollha jkunu kkonċentrati f’żona waħda taħt saqaf wieħed għall-konvenjenza ta’ kulħadd.
Din tkun ta’ ġid anki fil-ġlieda kontra s-solitudni li sfortunatament jinsabu fiha bosta anzjani. Permezz tagħha jkunu ta’ sapport lil xulxin. S’issa, il-ħtieġa ta’ nuqqas ta’ dar tal-anzjani għadha ma ġietx indirizzata jew implimentata mill-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Inżommukom informati dwar xi kambjament.
Aġġornament: 01.06.2015
Sfortunatament, il-Biċċerija se tingħata għal skop, li fil-fehma tagħna tgħin biss aspetti kummerċjali. Inħossu li parti mill-pjan se joħloq preċedent ta’ inkonvenjenza f’din iż-żona li fiha żżomm numru kbir ta’ residenti, fosthom b’maġġoranza anzjani. Se nibagħtu komunikazzjoni oħra lill-entitajiet ikkonċernati biex jerġgħu jikkunsidraw il-proposta tagħna, u f’każ li l-proġett ma jistax jiġi mwaqqaf se nitolbu li għall-inqas jintuża għal skopijiet kulturali b’inqas inkonvenjent lejn ir-residenti tal-madwar u l-lokalità ġenerali.